Kollox għal għajn in-nies

Il-Partit Nazzjonalista kien assenti għal kollox minn laqgħa tal-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament fejn kienet ikkomunikata u diskussa deċiżjoni importanti favur l-ambjent Malti u l-inħawi rurali taż-Żejtun. Filwaqt li fil-media u bil-paroli l-PN qal li qalbu taħarqu għall-ambjent, kien assenti għal kollox mill-kumitat li kellu wkoll l-irwol li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar x’inhi triq ‘il quddiem għaż-żona. Dan ladarba kien mgħarraf li mhux se jkun hemm estensjoni industrijali fejn għal darb oħra l-gvern qed jieħu deċiżjoni konkreta favur l-ambjent Malti.

Mid-deputati kollha li ftit tal-ġimgħat ilu marru jippużaw għar-ritratti f’Bulebel ħadd ma ddenja ruħu jattendi l-kumitat parlamentari. Dak li seħħ ilbieraħ hu sintomatiku tal-PN ta’ Adrian Delia. Partit fejn bid-diskors u biex jidher quddiem il-cameras jgħid ħafna, iżda bl-azzjoni ma ssibu qatt u mkien. Filwaqt li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet huwa fl-iktar livelli baxxi.

Fl-assenza tal-PN il-gvern kien qed ireġġa’ lura deċiżjoni ambjentali ta’ Jason Azzopardi fl-2012, biex aġixxa favur il-bdiewa u l-ambjent ta’ Bulebel.

Fl-istess mod ukoll il-bieraħ waqt il-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni għal Abbozzi ta’ Liġijiet, il-PN beda jressaq emendi għall-liġi tal-istampa biex “jipproteġi ġurnalisti” minn kawżi barra minn Malta meta fil-fatt, il-protezzjoni diġa qegħda hemm.

Saħansitra, d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, ikkritika l-parir legali li taw l-esperti li l-gvern talab l-opinjoni tagħhom li kienu ditta Ingliża Bird & Bird, L-Avukat Paul Cachia, il-Professur tal-Liġi Ian Refalo u l-Avukat Ġenerali. Azzopardi qal li hu m’għandux għalfejn jieħu l-pariri! Bravu wisq biex jieħu l-pariri tal-esperti.

Billi hu bravu daqshekk, suppost li huwa intelliġenti biżżejjed biex ikun jaf li l-ġurnalisti Maltin diġa’ għandhom il-protezzjoni kontra libelli li jsiru kontrihom barra minn Malta, iżda għal għajn in-nies jibqgħu għaddejjin.

Għall-paroli ma jirbħilhom ħadd.