Il-PN ipokrita u ma jafx xi jrid

Il-livelli ta’ opportuniżmu politiku tal-Partit Nazzjonalista qed iġibuh f’sitwazzjoni fejn joħroġ biċ-ċar li ma jafx xi jrid. Dan għax filli jistaqsi lill-Ministri fhix waslu l-investigazzjonijiet u filli jitkaża għaliex Ministru staqsa fhix waslet investigazzjoni wara lment li rċieva li l-istess investigazzjoni setgħet ma kinetx qed titmexxa bis-serjetà.

Fil-fatt, jirriżulta li kienet persuna li qed tallega li ġiet frodata li lmentat li l-investigazzjoni f’każ fejn kienet vittma ma kienx miexi. Għalhekk il-Ministru staqsa, u mhux indaħal, fhix waslet l-investigazzjoni.

Min jgħid li dan l-intervent kien indħil mhux xieraq qiegħed iqarraq. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għal darba oħra qed jinqabad f’kontradizzjoni biex jgħoġob l-establishment li wiegħed li jneħħi.

Għax filli jgħid li jrid l-informazzjoni u filli jitlob ir-riżenja ta’ min talab l-informazzjoni. Jekk irid riżenji ta’ responsabbiltà politika għandu jibda billi jdur dawra madwaru u jsib sensiela minn fost dawk li sas-sajf li għadda wiegħed li jneħħi u llum spiċċa jibża’ li jneħħu lilu.